Il-Gvern ta’ Malta jiċħad d-dikjarazzjoni tas- Senatur tal-Movimento 5 Stelle Mario Michele Giarrusso li qal li l-Gvern Malti talab li dan ma jiġix Malta bħala parti minn delegazzjoni Parlamentari Taljana mmexxijja minn Rosy Bindi li hija chairperson tal-Kummissjoni Anti-Mafia fil-Parlament Taljan.
Il-Gvern Malti, permezz tal-Ambaxxatur Malti f’ Ruma diġa’ għamel kuntatt mal-Onorevoli Bindi biex jitlob spjegazzjoni ta’ din l-invenzjoni ta’ Mario Michele Giarrusso. Il-Ministru ghall-Affarijiet Barranin wassal l-istess messaġġ anke lill-Ambaxxatur Taljan f’Malta. It-tnejn ikkonfermaw il-verzjoni tal-Gvern Malti li qatt ma gie kkonsultat jew esprima ruħu, la formalment u lanqas informalment, fuq l-ebda wieħed mill-membri ta’ din id-delegazzjoni li ż-żjara tagħhom ilha skedata minn qabel din il-gimgħa.