Filwaqt li d-dinja għandha għajnejha ffukati fuq ir-riżultat tal-ġlieda għall-indipendenza tal-Katalunja, tnejn mir-reġjuni l-aktar sinjuri tal-Italja huma mistennija jmorru kontra l-istabbiliment b’vot tagħhom stess għada l-Ħadd.
Iżda dan mhuwiex dwar divorzju mill-Italja. Minflok, fil-jum tat-22 ta’ Ottubru, ir-reġjuni tal-Lombardija u l-Veneto, li bejniethom jgħoddu għal madwar 30% tal-Prodott Gross Domestiku tal-pajjiż, se jitolbu liċ-ċittadini biex jivvotaw għal aktar awtonomija minn Ruma.
Il-voti ġew imsejħa miż-żewġ mexxejja reġjonali, Roberto Maroni tal-Lombardija u Luca Zaia tal-Veneto.
“Qed nimmiraw li jkollna setgħa biżżejjed biex negħlbu r-reżistenza tal-gvern,” qal Maroni lis-CNN. “Irridu nimmaniġġjaw it-territorju, nimmaniġġjaw l-oqsma li jimmaniġġaw il-flussi migratorji.” Huwa żied jgħid li l-aktar ħaġa importanti għalihom hi li jiksbu r-riżorsi.
B’differenza mir-referendum ta’ indipendenza fil-Katalunja, li ġie ddikjarat illegali mill-gvern Spanjol, il-kostituzzjoni Taljana tippermetti li jsiru dawn it-tipi ta’ voti.
Għall-ewwel darba fl-Italja, il-votazzjoni fil-Lombardija se ssir fuq tablets permezz ta’ applikazzjonijiet diġitali, filwaqt li l-Veneto se jżomm mal-metodi aktar tradizzjonali.