Vettura “suspettuża” li ntlemħet lil’hinn mix-xena tar-reat, żona fejn wieħed jista’ jara b’mod ċar il-post fejn seħħet l-isplużjoni li qatlet lill-blogger Daphne Caruana Galizia, qed titqies bħala sors importanti li tagħti aktar dawl fuq dan id-delitt. Dan skont x’qed jiġi rrappurtat mill-ġurnal Times of Malta.
Il-ġurnal spjega kif din l-istess vettura jaf kienet qed tintuża mill-persuna li sploda l-vettura permezz tal-użu ta’ apparat splussiv. Huma sostnew li l-vettura ntlemħet mill-bogħod, ipparkjata f’triq qalb l-għelieqi minn binjiet li kienu fil-qrib u qajmet suspett fost is-sewwieqa.
Iż-żona fejn il-vettura ntlemħet ngħalqet mill-Pulizija fejn qed issir investigazzjoni minn tim forenżiku.
Sorsi qalu lit-TOM li sigaretti u kif ukoll oġġetti oħra li qed jitqiesu bħala evidenza nġabru miż-żona u se jkunu qed isiru testijiet tad-DNA.