Is-servizzi tal-Air Malta qed joperaw lura b’mod normali wara li ftit tal-ħin ilu twaqfet l-azzjoni industrijali tal-Cabin Crew tal-Air Malta.
Fi stqarrija l-Air Malta qalet li hi, l-Union tal-Cabin Crew flimkien mal-GWU laħqu ftehim dwar il-kwistjonijiet pendenti bejniethom. B’riżultat ta’ dan, u b’effett immedjat, l-azzjonijiet industrijali kollha meħuda mill-Unions ġew sospiżi u t-titjiriet tal-linji tal-ajru se jerġgħu lura għan-normal b’effett immedjat. Il-linja tal-ajru tirringrazzja lill-partijiet kollha sabiex intlaħaq dan ilftehim fl-aħjar interess tal-linja tal-ajru, l-impjegati tagħha, il-klijenti u l-pajjiż in ġenerali.
Il-Cabin Crew kien ilhom minn nhar is-Sibt jirrapportaw nofs siegħa tard għat-titjira li jkunu xogħol fuqha. Din swiet lilll-kumpanija eluf ta’ ewro, hekk kif passiġġieri tilfu t-titjiriet ta’ konnessjoni wara d-dewmien tat-tluq tat-titjiriet minn Malta.
Il-Ministru Konrad Mizzi, il-bieraħ qal li dawn l-azzjonijiet huma irresponsabbli meta titqies is-sitwazzjoni finanzjarja li tinsab fiha l-Air Malta.