Skont ir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, informazzjoni kisubha minn Transport Malta turi li fl-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena, l-istokk ta’ vetturi liċenzjati kien ta’ 369,261, 3.7 fil-mija iktar mill-kwart korrispondenti fl-2016.
Minn dawn, 78.5 fil-mija kienu karozzi tal-passiġġieri, 13.5 fil-mija kienu vetturi kummerċjali, 6.9 fil-mija kienu muturi / quads u ATVs, filwaqt li l-karozzi tal-linja u minibuses ammontaw għal inqas minn wieħed fil-mija.
Matul dan it-trimestru l-istokk tal-vetturi liċenzjati żdiedu b’rata medja netta ta’ 41 vettura kuljum.
Il-liċenzji l-ġodda maħruġa matul dan il-perjodu ammontaw għal 6,514. Minnhom nħarġu 882 liċenzja tal-muturi, filwaqt li 73.9 fil-mija kienu għall-karozzi passiġġieri. Medja ta’ 71 vettura ġdida ġew liċenzjati kuljum.
6,522 vettura tneħħew mit-toroq minħabba restrizzjonijiet. Minn dawn, 41.9 fil-mija tpoġġew mill-ġdid għall-bejgħ, 29.0 fil-mija ġew skrappjati, il-maġġoranza kienu karozzi tal-passiġġieri, filwaqt li 26.7 fil-mija kienu ggaraxjati.
Għall-kuntrarju, vetturi li kellhom ir-restrizzjoni tagħhom li ntemmet matul it-tielet kwart ta’ din is-sena ammontaw għal 3,721. Il-maġġoranza kienu mmarkati mibjugħa mill-ġdid (2,516) u maħżuna (1,167).
Sal-aħħar ta’ Settembru 223,331 vettura, jew 60.5 fil-mija tat-total, jaħdmu b’magni petrol. Il-vetturi bil-magni diesel laħqu 143,530, jew 38.9 fil-mija tat-total.