Spanjol ta’ tnejn u ħamsin sena minn Barċellona li kien l-Italja fuq btala, inqatel meta waqgħet ġebla kbira fuqu minn Knisja f’Firenze.
Il-ġebla – li kienet qed iżżomm kolonna, kellha dijametru ta’ ħmistax il-ċentimetru, u waqgħet għoli t’għoxrin metru.
Wara l-inċident ingħalqet il-Basilika ta’ Santa Croce; fejn hemm midfuna l-artist Michelangelo, l-astronomu Galileo u l-filosfu Machiavelli.
Rappreżentanta tal-Knisja kienet kkwotata tgħid li tinsab ixxukjata bl-aħbar u ma tistax temmen b’dak li ġara, filwaqt li tat il-kondoljanzi tagħha għall-familjari tal-vittma.
Il-Basilika li fiha seħħ l-inċident hija l-Knisja Franġiskana prinċipali fil-belt Taljana, u waħda mill-iktar siti popolari mat-turisti.