Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, m’għandux triq oħra għajr li jitlob inkjesta maġisterjali biex issir magħrufa l-verità b’rabta mal-allegazzjonijiet li saru dwaru fl-aħħar xhur. Anke għax issa li rtira l-libelli l-verità hemm inqas ċans li toħroġ.
Qal dan il-Partit Laburista f’konferenza tal-aħbarijiet tad-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne u d-deputat Robert Abela. Dan l-għada li fil-Parlament kien il-Prim Ministru Joseph Muscat li għamel din l-isfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-Partit Laburista rreaġixxa għad-diskorsi taż-żewġ mexxejja fil-Parlament f’dik li kella tkun reazzjoni għall-baġit; iżda li l-kuntest kellu jinbidel minħabba ċ-ċirkostanza traġika li jinsab fiha pajjiżna.
Fiċ-Ċentru Laburista fil-Ħamrun, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne tkellem dwar żewġ żbalji li fil-fehma tiegħu għamel il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
L-ewwel żball huwa wieħed strateġiku, fejn Delia mhux jagħraf is-sinifikat tal-mument, u kemm verament hawn bżonn li pajjiżna jkollu front magħqud.
It-tieni żball, kompla jgħid Fearne, kien dak li pprova jipponta subgħajh lejn ħaddieħor meta hemm għaxra jippuntaw lejh.
Filfatt fakkar kif il-blogger għamlet numru t’akkużi fil-konfront ta’ Adrian Delia, li mal-ewwel ċans li kellu qed jaħrab minnhom billi waqqa’ l-libelli li għamel fil-konfront tagħha.
Dan għall-kuntrarju tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li l-allegazzjonijiet serji fil-konfront tiegħu u ta’ familtu qed ikunu nvestigati minn Maġistrat indipendenti.
Id-Deputat Laburista Robert Abela qal li fiż-żewġ diskorsi spikkat id-distinzjoni bejn iż-żewġ mexxejja.
Dak t’Adrian Delia ddeskrivieh bħala diskors ibbażat fuq opportuniżmu politiku, li pprova jaħtaf l-okkażjoni biex jagħmel gwadan politiku. Konxju mill-firda fil-Partit tiegħu, pprova jġib l-għaqda fil-Partit Nazzjonalista, u firda fil-pajjiż.
Abela żied jiddeskrivi d-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni bħala wieħed “politikament falz”, mingħand persuna li kienet hi stess li instigat ċertu diskors ta’ mibegħda fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia, meta sejħilha “biċċa blogger”. Mentri dil-ġimgħa, smajnieh bħala difensur ta’ Daphne Caruana Galizia – innota Abela.
B’kuntrast, id-diskors tal-Prim Ministru kien diskors li ġab lill-pajjiż qabel il-politika.
Kien diskors, innota Abela, ta’ Prim Ministru muġugħ u ddispjaċut bit-traġedja, u anki bil-ħsara li qed tiġri lil pajjiżna f’dan l-episodju sfortunat.
Diskors li ħareġ l-umanità u l-kompassjoni fi Prim Ministru li qed jipprova jgħaqqad il-pajjiż f’mument tant dedlikat; b’valuri li għandhom jikkaraterizzaw lil kull wieħed u waħda minna, temm jgħid l-Avukat Robert Abela
.