Il-konsulenti li qabbad Gvern preċedenti biex ifasslu t-tħejjijiet għal meta tiġi l-Arriva kienu deskritti bħala “parassiti” mill-eks Kap Eżekuttiv ta’ Arriva Malta. Fost dawn kien hemm l-avukat Georg Sapiano, ħabib kbir tal-Partit Nazzjonalista u l-Kap Simon Busuttil.
“Nefqu flejjes kbar fuq konsulenti parassiti (li jgħixu minn fuq dahar ħaddieħor) li tħallsu ħafna għas-servizzi tagħhom u ħolqu xi ħaġa li ma setgħet taħdem qatt,” qal l-eks Kap Eżekuttiv David Martin.
Georg Sapiano, permezz tad-ditta legali Aequitas, li fiha hemm involuti wkoll nies oħra qrib il-Partit Nazzjonalista ħadet €150,000.
Dan fuq perjodu ta’ ħames snin, bl-ikbar kuntratt jitħallsu tiegħu fl-2010, meta ħadu mad-€90,000. Dan il-kuntratt ingħata b’direct order kif ingħataw il-maġġoranza tal-kuntratti l-oħra u għalhekk bid-deskrizzjoni ta’ Martin, Sapiano jista’ jingħad li hu “parassita diretta.”
Iżda, dan ma kienx l-uniku kuntratti ta’ konsulenza anke jekk wieħed mill-kbar. B’kollox il-kuntratti dwar dak li kien deskritt bħala mostru li ma seta’ jaħdem qatt laħqu t-€850,000.