F’mument delikat għall-pajjiżna, il-Prim Ministru Joseph Muscat appella għall-għaqda nazzjonali u ddefenda l-istituzzjonjiet kollha ta’ pajjiżna.
Huwa u jwieġeb għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Muscat qal li l-Kap Nazzjonalista lbieraħ tilef iċ-ċans li jgħid dak li jemmen fih u ħa l-okkażjoni biex jipprova jifred flok jgħaqqad.
F’diskors ta’ statista anke minkejja bosta interruzzjonijiet min-naħa tal-Oppożizzjoni, Dr Muscat innota kif filwaqt li ħaddieħor qed jipprova jifred, huwa qed jipprova jgħaqqad.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru sfida wkoll lill-kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex wara li lbieraħ rtira l-libelli kontra Caruana Galiza, jitlob inkjesta kif talab hu waqt li sfidah biex jirriżenja jekk jinstab xi ħaġa fuqu kif implikat hi.
Diskors t’għaqda nazzjonali huwa l-aħjar mod li bih jista’ jkun deskritt kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat l-Erbgħa filgħaxija fil-Parlament.
Diskors iddominat mill-bżonn ta’ front magħqud li jimla’ lil dak li jkun b’kuraġġ, li ra lill-Prim Ministru jitkellem dwar l-irwol tiegħu f’dal-mument tant delikat.
Muscat qal “Il-poplu mdejjaq u jrid jisma l-kelma mill-mexxejja tiegħu. Ilbieraħ ħaddieħor tilef iċ-ċans li jgħid what he stands for. Ħa l-okkażjoni biex jipprova jifred minflok jgħaqqad. Jien illum se nagħmel bil-maqlub. Se nipprova ngħaqqad minflok nifred.”
Il-Prim Ministru rrikonoxxa li dan huwa mument ta’ dispjaċir, iżda tenna l-bżonn li bħala poplu ningħaqdu u nibqgħu nħarsu ’l quddiem.
Qal “Jien imweġġa’, iżda minix għajjien. Jien qalbi sewda, iżda mimli kuraġġ. Jien nemmen li dan il-pajjiż se jibqa’ miexi ’l quddiem. Il-prinċipji li jgħaqqduna se jibqgħu dawk li fuqhom ġejna eletti : ġustizzja soċjali, mobiltà soċjali, ugwaljanza, għaqda.”
F’diskors li fih daħal fid-dettall ta’ dak li għaddej minnu pajjiżna bħalissa, Joseph Muscat tenna li dan huwa l-mument ta’ prova.
Il-Prim Ministru qal “Mument ta’ prova bħal dan, in-nisa u l-irġiel jintagħżlu mit-tfal. Il-mument meta nagħżlu bejn il-politika u l-pajjiż. Il-mument meta nagħżlu bejn lilna nfsuna u lil ħaddieħor. Il-mument meta nagħżlu hux se nibqgħu skjavi tal-passat jew inkunux ħielsa fil-futur. Il-mument meta nagħżlu hux se niġu ġġudikati minn Facebook illum jew mill-memorja kollettiva ta’ wliedna għada. Il-mument meta nagħżlu inwarrbux il-weġgħat li jista’ jkolna u nfittxu dak li jgħaqqadna.”