Il-21 ta’ Mejju jibqa’ mmarkat fl-istorja bħala wieħed mill-jiem li jissimbolizza kemm kien diffiċli għall-eks Prim Ministru Dom Mintoff u l-Partit Laburista biex fis-snin sittin jimbottaw l-aġenda progressiva tagħhom.
Fl-għodwa tal-21 ta’ Mejju 1961 kienu l-Għawdxin li insitigati mill-Knisja għamlu minn kollox biex il-messaġġ ta’ Mintoff ma jasalx fil-gzira ta’ tliet għoljiet. Nisa bl-ixkupi u rġiel bil-ġebel provaw iwasslu biex Mintoff jieqaf fil-Port tal-Imġarr u ma jindirizzax il-meeting maħsub f’Għawdex. Xi ħaġa li ma ġratx.
L-istoriku Mark Camilleri spjega kif dawn kienu żminijiet ta’ tensjoni għaliex il-Partit Laburista kien għadu kemm biddel il-politika tiegħu minn waħda għall-integration, għal indipendenza kompluta. Għall-Knisja il-politika ta’ Mintoff kienet suspettuża. Bl-iktar li kienet turtahom kienet il-politika progressiva ta’ Mintoff.
Camilleri jfisser kif l-ewwel pjan kien li jwaqqfuhom milli jinżlu Għawdex u hawn kien kruċjali l-intervent tal-Gvern Ingliż li kellem lill-Knisja biex ma tibqax iżżid it-tensjoni. Għaliex Mintoff kellu kull dritt jindirizza dan il-meeting.
Għalkemm forsi mhux jum magħruf daqs jiem oħra fl-istorja, ngħidu aħna it-28 ta’ April 1958, dan ukoll kien avveniment b’sinjifikat qawwi. Dak inhar kien hemm laburisti li weġġgħu. L-element ta’ vjolenza kien evidenti u l-Għawdxin kienu lesti għaliha. F’intervista li tixxandar illejla f’ONE NEWS l-istoriku Camilleri jfisser kif f’Malta kien hawn ukoll żewġ dinjiet differenti.