Ftit tal- jiem ilu għadu kif ġie ppreżentat baġit bl-akbar investiment fl-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli fl-aħħar 30 sena. Dan qalu is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes f’konferenza tal-aħbarijiet. Galdes spjega kif il-Gvern se jkun qed iwessa’ t-thresholds għas-sussidju tal-kera. Dan se jsir bil-għan li jgħinu lill-individwi l-aktar fil-bżonn. Idaħħlu wkoll thresholds għall-anzjani fuq is-65 sena, sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu mgħejjuna ilaħħqu mal-ispejjeż relatati mal-kera.
Tkellem wkoll dwar l-inċentiv, li se jkun qed jippermetti lil dawk li jgħixu f’residenzi għall-anzjani biex jagħtu ċ-ċwievet ta’ darhom lura lill-Gvern. Din l-skema se tkun qed tħalli sa massimu ta €2700 fil-but tal-anzjani kull sena. Galdes sostna li d-deċiżjoni dwar dan hija f’idejn l-anzjani kkonċernati u li hija tal-mistħija li l-Oppożizzjoni ppruvat idawwara li l-Gvern se jkun qed jieħu d-djar mingħand l-anzjani u l-familji tagħhom.
Spjega wkoll kif il-Gvern jinsab viċin li jintlaħaq ftehim mal-BOV sabiex tinbeda skema li tgħin aktar nies ikunu sidien ta’ darhom. Ħabbar ukoll li hemm banek oħra li wrew interess li jissiebħu mal-Gvern sabiex jipprovdu skemi oħra ma dawk eżistenti.
Galdes tkellem ukoll dwar l-iskema Nikru Biex Nassistu. Din l-iskema se tkun qed tara lill-Gvern jikri propretajiet mingħand il-privat. S’issa l-Gvern bis-saħħa ta’ din l-iskema żied mal-200 appartament fuq ir-reġistru tiegħu.
Apparti dawn il-miżuri li se jkunu qed iħallu impatt f’termini pjuttost qosra, l-Gvern jinsab impenjat sabiex tiġi indirizzata strateġija ħolistika li tħares aktar fit-tul. Għalekk tniediet white paper fejn se tkun qed tesplora bosta aspetti fosthom l-kuntratti tal-kirjiet, reġistrazzjoni tal-kuntratti tal-kirjiet u reviżjoni tal-liġi sabiex tkun aktar faċli li s-sid jieħu passi kontra l-kerejja mingħajr ħafna telf ta’ ħin.
Galdes għalaq billi fakkar kif il-Gvern se jkun qed jibda programm ta’ manutenzjoni u tisbieħ tal-blokok tal-Gvern eżistenti kif ukoll li ssir installazzjoni ta’ liftijiet sabiex dawn il-blokok isiru aktar aċċessibbli.