Enemalta plc qed issaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku li twassal l-elettriku lill-klijenti tagħha fil-Baħrija u komunitajiet fl-inħawi, sabiex tneħħi d-dipendenza li dawn għandhom fuq linji antiki mdendlin ma’ arbli esposti għall-maltemp u bosta diffikultajiet oħra.
L-Enemalta qed tħejji konnessjonijiet ta’ aktar minn tliet kilometri ta’ cables impoġġija taħt l-art, fl-inħawi tal-Landrijiet u l-Fiddien u r-Rabat. Dawn il-konnessjonijiet eventwalment se jieħdu post il-linji ta’ vultaġġ għoli fuq l-arbli li jwasslu l-elettriku lejn il-Baħrija u l-inħawi. Ix-xogħol ta’ tħaffir tat-trinek għal dawn il-cables jinsab għaddej bħalissa.
Għal snin twal, l-inħawi residenzjali imbiegħda miċ-ċentru tar-Rabat, fosthom il-Baħrija, l-Kunċizzjoni u l-iMtaħleb, kienu jirċievu l-elettriku permezz ta’ żewġ meded ta’ linji ta’ 11-il kilovolt, imdendlin fuq arbli fil-kampanja. Permezz ta’ dan il-proġett, Enemalta ser telimina d-dipendenza tas-sistema fuq dawn il-linji u ttejjeb l-affidabilità tas-sistema, waqt li żżid il-kapaċità biex tilqa’ għad-domanda tal-elettriku tal-lum u tal-futur. Hekk kif il-konnessjonijiet ġodda permezz ta’ cables taħt l-art jitlestew, Enemalta tkun tista’ gradwalment titfi l-linji antiki fuq l-arbli li qed jintużaw bħalisa u tneħħihom.
Fredrick Azzopardi, Chairman Eżekuttiv ta’ Enemalta plc, ikkonferma li l-proġett ta’ tisħiħ tas-sistema tal-elettriku fil-Baħrija huwa biss wieħed minn diversi proġetti li l-Kumpanija qed twettaq sabiex tibqa’ ttejjeb l-infrastruttura tad-distribuzzjoni tal-elettriku tal-pajjiż.
“Wara l-investiment rekord ta’ €100 miljun f’dawn l-aħħar erba’ snin, għadna kif approvajna għadd ta’ proġetti ewlenin oħra, b’valur totali ta’ madwar €20 miljun. B’din il-ħidma qed nibqgħu inżidu l-kapaċità tas-sistema, sabiex tilqa’ għaż-żieda fid-domanda waqt li ntejbu l-affidabilità tas-servizz u nnaqqsu l-qtugħ fil-provvista għall-klijenti tagħna. Dalwaqt ser nibdew tkabbir ta’ erba’ ċentri tad-distribuzzjoni, sabiex nirduppjaw il-kapaċità tas-sistema tal-elettriku fl-inħawi ta’ Wied il-Għajn, u fl-inħawi ta’ San Ġiljan, Pembroke u San Ġwann. Bdejna wkoll proġett ieħor kbir biex insaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni li twassal l-elettriku fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far. B’hekk inkunu nistgħu nibqgħu nagħtu s-servizzi meħtieġa minn diversi investimenti industrijali eżistenti, u oħrajn li ser jibew dalwaqt, f’dawn l-inħawi. Fl-istess waqt, b’dan il-proġett ser inkunu nistgħu naqilgħu għadd ta’ linji ta’ vultaġġ għoli antiki mdendlin ma’ arbli kbar, li jestendu sal-Gudja, Ħal Tarxien u għadd ta’ lokalitajiet oħra fl-inħawi,” spjega l-
Inġ. Azzopardi.
Fi proġett ieħor simili, l-Enemalta qed twettaq ukoll ħidma biex tneħħi linji antiki ta’ 33 kilovolt imdendlin ma’ pylons fl-inħawi tal-Mellieħa, sabiex jissupplixxu l-elettriku f’Għawdex. Dawn se jkunu qed jiġu mibdula ma cables għadejjin minn mini taħt l-art.