Quddiem il-Parlament, fid-daħla tal-Belt, is-Sibt filgħodu għadd t’għaqdiet u forzi ngħaqdu flimkien taħt il-kappa t’għaqda ġdida, imsejħa Releaf.
L-għaqda Releaf ħarġet manifest fuq il-legalizzazzjoni u r-regolar tal-Kannabis f’Malta.
Fost l-oħrajn, Releaf qed tipproponi li persuni minn wieħed u għoxrin sena ‘l fuq ikunu jistgħu jikkultivaw sa sitt pjanti tal-marijuana f’darhom għall-użu personali tagħhom.
Il-proposta forma t’abbozz ta’ liġi tgħid ukoll li l-Gvern jista’ joħroġ liċenzja ta’ klabb soċjali biex min ma jistax ikabbar hu l-pjanti, jkun hemm min ikabbar il-pjanti f’ismu, f’post magħluq.
Il-leġislazzjoni hekk kif proposta mill-għaqda Releaf tirrimarka li diġa sar pass ‘il quddiem mill-Gvern li iddikriminalizza l-użu tal-kannabis iżda tgħid ukoll li bħal konsum tal-alkoħol, persuna li tikkonsma l-kannabis m’għandiex issuq taħt l-effett tagħha.
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet, li fiha ġie misħuq li t-traffikar tad-droga għandu jibqa penalizzat bl-aħrax, kien hemm it-tabib Andrew Agius li fl-aħħar sigħat sostna li twaqqaf milli jkompli jagħti tagħrif fuq l-użu tal-kannabis għal skop mediċinali.
Fi kliemu, t-tobba kollegi tiegħu ma laqgħux tajjeb dak li kien qed jagħmel.
Hu sostna li “Onestament naħseb li kont qed nistenniha għax it-tobba ma tantx ħadu pjaċir li qed nagħti dawn il-lectures mid-dehra u dehret qisu li qed nagħmel riklam tiegħi nnifsi.” “Jiġifieri rawha li inti għandek xi business interest.” “Hekk rawha huma imma jien propjament l-interess tiegħi huwa li l-pazjent jistrieħ mill-uġigħ u lin-nies jitgħallmu aktar fuqha bħala mediċina u x’tista’ tagħmel, kif tista’ tgħinhom, it-tajjeb u l-ħażin.”
It-tabib Andrew Agius jisħaq fuq l-importanza li mediċini differenti magħmula b’mod regolat mill-kannabis għandhom ikunu aċċessibli mill-ispiżeriji u jingħataw bi preskrizzjoni tat-tabib.
Jgħid li biex pazjent jistrieħ mill-uġigħ bħalissa jkollu jipprova jġib din is-sustanza b’mod illeċitu bir-riskju li dak li jikseb ma jkunx iċċertifikat li hu tajjeb għas-saħħa.
Agius qal “Jiena naħseb li hija importanti ovvjament għax pazjent li ilu jbati snin twal u għadu ma sabx rimedju għal kundizzjoni tiegħu u hemm ħafna kundizzjonijiet sfortunatament illi m’hemmx rimedju jekkma jintużax mediċina magħmula mill-cannabinois, li dawn għandhom ikollhom aċċess tal-mediċina b’mod regolata u mhux iridu jmorru għand drug dealer.”
Mistoqsi minn dan l-istazzjon jekk l-Awtoritá tal-Mediċini immexxija mill-Professur Anthony Serracino Inglott sejħitlux biex jispjega l-pożizzjoni tiegħu fid-dawl li anki Serracino Inglott saħaq li l-Awtoritá se tikkunsidra bis-serjetá l-introduzzjoni tal-kannabis fl-ispiżeriji għal skop mediċinali, it-tabib Agius wieġeb hekk.
“Le l-Awtoritá, l-aħħar li tkellimt magħhom kien iktar kmieni dis-sena, Marzu u meta tkellimna l-aħħar konna ftehmna li ħa tidaħħal il-bedrocan bħala waħda mill-preparazzjonijiet tal-kannabis.”
Il-bedrocan li jirreferi għaliha t-tabib Agius hija sustanza li fiha l-kannabis.
Din tintuża bħala mediċina fl-Olanda u hemm sitt preparazzjonijiet differenti li tintuża bħala kura alternattiva għal pazjent.