Ikompli l-eżodu mill-Partit Nazzjonalista. Din id-darba kien imiss lill-viċi sindku ta’ San Pawl il-Baħar u ex kandidat tal-Partit Nazzjonalista David Thake. Thake iddikjara pubblikament li ma għandux fiduċja f’ Adrian Delia.
F’dikjarzzjoni diretta u skjetta fuq il-profil ta’ Facebook tiegħu, Thake stqarr li Delia ma għandux ikun Kap ta’ Partit, Kap tal-Oppożizzjoni u wisq inqas Prim Ministru.
David Thake qal ukoll li huwa ma jemminx fil-kawża Adrian Delia. Kien hawn fejn xeħet dubji dwar l-imġieba u l-qagħda finanzjarja ta’ Delia, fejn allegatament għandu eluf kbar ta’ Ewro fi djun mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni. Thake qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista jixraqlu ħafna aħjar.
David Thake li waqt l-elezzjoni tal-kap appoġġja lil Chris Said se jkun qed iwaqqaf il-programmi kollha tar-radju għax skontu ma jħossux komdu jikkonvinċi lin-nies għal xi ħaġa li ma jemminx fiha.
L-attakk fuq fuq il-kap il-ġdid kompla billi reġa sostna li Delia muhiex bniedem denju ma jistħoqqlux li jkollu l-appoġġ tiegħu u kien għalekk li se jkun qed iżomm lura u jirrifjuta kull offerta li tiġi mill-Partit Nazzjonalista.
Din id-dikjarazzjoni ta’ Thake kompliet tikxef il-qasma kbira li għandu l-Partit Nazzjonalista. Minkejja li esponenti mill-fazzjoni ta’ Adrian Delia qed jippruvaw ipinġu li kollox huwa ward u zahar, fir-realta l-istorja hija kompletament differenti. It-tensjoni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista kull ma jmur dejjem qed tiżdied u l-fiduċja fil-Kap il-Ġdid dejjem qed tonqos.