B’sitt voti favur u tlieta kontra, Ġeraldu Galea ta’sitta u sebgħin sena nstab ħati li qatel lil John Spiteri ta’ ħamsa u erbgħin sena erba’ snin ilu fil-Qbajjar Marsalforn. Hu ngħata sentenza ta’ priġunerija ta’ 15-il xahar ħabs u multa ta’ €8,330.
Waqt li Galea nstab ħati tal-ewwel kap ta’ akkuża, il-ġurati rrimarkaw li kien ipprovokat u għalhekk is-sentenza massima li jista’ jeħel hija ta’ sentejn ħabs.
Il-ġurati ma sabuhx ħati tal-attentat ta’ qtil ta’ iben il-vittma, Matthew Spiteri ta’ 20 sena u lanqas instab ħati li għamel ħsara f’għadd ta’ vetturi li kienu involuti fl-inċident.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni argumentat li l-qtil seħħ meta l-missier u l-iben kienu qed jiżbru xi siġar biex ikunu jistgħu jiftħu gabbana li kellhom jarmaw għax-xhur tas-sajf.
Żied jingad li waqt li missier u l-iben kienu fil-parkeġġ, mar għal fuqhom l-akkużat u beda jargumenta magħhom dwar iż-żbir tas-siġar.
Kien hawn li Geraldu daħal f’karozza u saq għal fuq il-missier u l-iben, bil-missier jispiċċa jitlef ħajtu ftit tas-sigħat wara l-inċident.