Il-Baġit għall-2018 hu immirat biex itejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin ħieles għall-ħaddiema. Dan joħroġ ċar, fost affarijiet oħra, bl-impenn tal-gvern li jibda jimplimenta sa mill-ewwel Baġit tal-leġislatura l-wegħda elettorali li l-ħaddiema jingħataw lura l-festi pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa.
“Wasal iż-żmien li l-ħaddiema li jaħdmu biex il-pajjiż jimxi ‘l quddiem ikunu ppremjati tax-xogħol tagħhom” qalet il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli.
Il-Ministru Dalli semmiet kif wara djalogu intensiv mal-unions tal-ħaddiema u mar-rappreżentanti ta’ min iħaddem, il-gvern ra li l-iktar mod responsabbli li bih din il-wegħda tista tkun implementata hija b’mod gradwali. Għalhekk is-sena d-dieħla l-ħaddiema se tiżdidilhom ġurnata leave. Dalli spjegat li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali dwar kif se jintlaħaq l-akbar livell ta’ kunsens biex din il-proposta tkompli tkun implimentata u l-familji jkunu jistgħu jgawdu aktar ħin ħieles flimkien.
Dr Dalli għamlet refernza wkoll għaż-żieda li se jirċievu l-ħaddiema fuq paga minima fejn spjegat kif bil-ftehim li ntlaħaq fil-leġislatura li għaddiet, il-ħaddiema fl-2018 se jkunu intitolati għaż-żieda tal-COLA, ta’ €1.75, is-suppliment relatat mal-COLA ta’ €1 u żidiet ta’ €3 fil-ġimgħa meta l-ħaddiem jagħlaq sena fl-impjieg u €3 addizzjonali fil-ġimgħa meta l-ħaddiem jagħlaq sentejn. B’hekk min ilu fuq il-post tax-xogħol għal sentejn, se jibda jirċievi żieda ta’ €8.75 fil-ġimgħa mal-paga minima.
Dwar it-tijib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-Ministru qalet li wara diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali se jitressaq abbozz ta’ liġi li jibdel il-liġijiet tax-xogħol biex isiru aktar addattati għar-realtajiet tal-lum u bidliet fil-wage regulation orders biex jirriflettu x-xogħolijiet li jeżistu llum.