Matul il-lejl li għadda, il-Pulizija għamlet dik li qed tiġi deskritta bħala l-akbar qabda ta’ droga fil-gżejjer Maltin: 530kg suspetati raża tal-kannabis u 20kg pjanta kannabis flimkien ma’ €100,000 fi flus kontanti. Il-valur fis-suq ta’ din is-sustanza tammonta għall-diversi miljuni ta’ ewro.
F’konferneza stampa indirizzata mill-Assistent Kummissarju Denis Theuma u l-Ispettur Kevin Pulis li kien operattiv fuq l-operazzjoni ġie kkonfermat li l-ħames persuni arrestati huma parti minn grupp ta’ kriminalità organizzata, huma 2 Taljani , 2 Sloveni u Malti li għandu ‘l fuq minn 30 sena u li ma kienx magħruf mal-Pulizija. L-età tal-persuni arrestati tvarja bejn 35 sena u 60 sena.
It-tlett vetturi nstabu waħda f’parking privat f’ San Ġiljan, filwaqt iż-żewġ trakkijiet oħra kienu f’garaxxijiet fil-Fgura. Iż-żewġ trakkijiet kellhom falz b’pjanċi Taljani.
Ammont ieħor ta’ kannabis nstab f’vettura ta’ persuna b’ nazzjonalità Maltija.
Jidher ukoll li f’wieħed mit-trakkijiet instabu mitt elf ewro.
Il-Pulizija rnexxielha tagħmel din il-qabda wara ġimghat ta’ hidma fejn segwiet il-passi tas-suspettati. Il-Pulizija għad m’għandiex tagħrif kif waslet f’pajjiżna iżda l-Assistent Kummissarju Denis Theuma indika li d-droga kienet destinata mill-Marokk, pajjiż magħruf għall-kultivazzjoni ta’ din id-droga.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet u nfetħet inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Josette Demicoli li ħatret diversi esperti.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia jirringrazzja lill-Pulizija għall-ħidma kontinwà tagħhom u x-xogħol siewi li jkissru ċ-ċirku tal-kriminalità ġewwa pajjiżna. F’dawn l-aħħar ġimgħat, il-Pulizija kellha rekord ta’ qabda ta’ eroina u kokaina, u sejba wkoll ta’ kannabis. Dan jixhed id-dedikazzjoni tal-Korp tal-Pulizija biex ikompli jeqred l-operazzjonijiet tal-kriminalità organizzata.