Miżura mħabbra fid-dokument tal-baġit għas-sena elfejn u tmintax se tkun qed tara madwar mitejn elf persuna jirċievu ċekk bħala rifużjoni tat-taxxa.
B’din il-miżura kienet wegħda elettorali u minnha se jkun qed jibbenefika kull impjegat li jaqla anqas minn sittin elf ewro fis-sena. Dan ifisser li dan iċ-ċekk mhux biss se jkunu qed jirċevuh dawk li jaħdmu fuq bażi full-time iżda anke impjegati li jaħdmu fuq bażi part-time.
B’din il-miżura se tkun qed tara ħdax-il miljun ewro jmorru fil-bwiet tan-nies.
Iċ-Chief of Staff tal-Ministru tal-Finanzi, Paul Debattista, spjega l-kriterji li wieħed irid jissodisfa biex jibbenefika minn din il-miżura.
L-ammonti li se jingħataw lill-ħaddiema jvarjaw bejn erbgħin, u tmienja u sittin ewro, dejjem skont id-dħul annwali tal-persuna.
Dan ifisser li min jaqla ħmistax-il elf ewro jew inqas fis-sena se jirċievi ċekk ta’ sittin ewro, min jaqla bejn ħmistax il-elf u ewro u tletin elf se jingħata ħamsin ewro filwaqt li dawk li d-dħul annwali tagħhom huwa ta’ bejn tletin elf u sittin elf ewro se jirċievu ċekk ta’ erbgħin ewro.
Debattista spjegalna li kull min jaħdem u jaqla anqas minn sittin elf ewro fis-sena se jkun qed jirċievi dan iċ-ċekk ta’ rifużjoni tat-taxxa. Dan ifisser li persuna fuq il-paga minima, li ma tħallasx taxxa, xorta waħda se tirċievi dan iċ-ċekk.
Ċekk, li se jkun qed igawdi minnhu kull individwu u mhux kull dar, dan ifisser li persuni li jħallsu t-taxxa bħala koppja miżżewġa, se jkunu qed jirċievu ċekk kull wieħed.
Is-Sur Debattista żied jgħidilna li din kienet miżura li ntlaqgħet tajjeb ħafna mill-poplu Malti u Għawdxi.