Budget li ta ħafna u ma ħa xejn. Kien hekk li ddeskriva dan il-Budget 2018 il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat meta ta l-ewwel reazzjoni tiegħu lbieraħ wara d-diskors.
Iżda issa li sebaħ jum ieħor u l-poplu Malti kellu ċans aktar jara minn xiex se jibbenefika, x’kienet ir-reazzjoni ta’ bosta persuni – żgħażagħ u adulti, dwar il-miżuri tal-Budget.
Għalkemm tista’ tgħid li mhix in-norma li żgħażagħ isegwu l-Budget, xorta waħda l-midja soċjali kellha rwol importanti tant li kienu bosta studenti u żgħażagħ li faħħru l-miżura ta’ trasport b’xejn għal żgħażagħ bejn l-etajiet ta’ 16 u 18-il sena.
Oħrajn faħħru l-fatt kif dan il-Budget hu wieħed li ma ħa xejn lill-poplu iżda minflok ta lura, b’individwi jsemmu li huma diġa’ bbenefikaw minn l-ewwel ħlas biex iroddu lura l-inġustizzji tal-imgħoddi, u kif fil-Budget tħabbret li s-sena d-dieħla l-Gvern se jalloka €10.5 miljun biex ikomplu jiġu indirizzati l-inġustizzji tal-passat.