Sabiex il-Gvern iħajjar sidien ta’ residenzi mhux użati li jiġu rranġati u offruti bħala units għal skop ta’ housing soċjali, l-Awtorità tad-Djar se toħroġ skema fejn se toffri assistenza finanzjarja sa massimu ta’ €25,000 għal kull residenza fuq xogħlijiet ta’ tiswija u riabilitazzjoni ta’ proprjetajiet privati li jinsabu vojta u mitluqa. Biex tingħata din l-għajnuna, is-sidien iridu jintrabtu li jikru l-istess proprjetà lill-Awtorità tad-Djar b’rati ta’ kera vantaġġjużi għall-perjodu ta’ 10 snin , għal skopijiet ta’ housing soċjali.
Dan l-inċentiv se jkun miftuħ għall-ewwel 100 residenza waqt li l-proprjetà trid tkun lesta u fi stat ta’ abitazzjoni fi żmien sitt xhur minn meta tkun approvata l-għajnuna sabiex imbagħad tgħaddi għand l-Awtorità biex tinkera għal skopijiet ta’ housing soċjali.