Il-midja Eġizzjana qed tirrapporta li nstabu fdalijiet tal-ajruplan EgyptAir u oġġetti tal-passiġġieri li kienu fuq it-titjira MS804, madwar 290 kilometru fit-tramuntana ta’ Lixandra fl-Eġittu.
Fost l-oħrajn intlemħu bagalja u qed jingħad li saħansitra kien hemm parti minn ġisem ta’ wieħed mill-vittmi.
Huma qalu li l-forzi navali Eġizzjani għamlu dawn is-sejbiet u qed ifittxu fl-inħawi għall-kaxxa s-sewda tal-ajruplan.
Barra minn hekk, meta l-oġġetti jittellgħu mill-baħar, se jiġu eżaminati minn investigaturi minn pajjiżi differenti.
L-istess investigazzjoni se titmexxa mill-Eġizzjani, Franċiżi u Ingliżi flimkien ma’ espert minn Airbus, il-manifattur tal-ajruplan.
Dan huwa t-tieni jum ta’ tfittxija intensiva fil-Baħar Mediterran, wara li l-oġġetti misjuba l-Ħamis ma kinux tal-ajruplan tal-EgyptAir.
L-ajruplan tal-Egyptair kien qed iġorr sitta u sittin persuna fosthom membri tal-ekwipaġġ, minn Pariġi għall-Kajr, u ntilef minn fuq ir-radar għall-ħabta tas-2.30a.m. tal-Ħamis filgħodu.
Għalkemm għad m’hemm ebda indikazzjoni ta’ x’seta ikkawża t-traġedja, uffiċċjali Eġizzjani saħħqu li dan x’aktarx kien att terroristiku.