Malta u l-Ewro huwa ktieb ġdid bil-Malti u bl-Ingliż li fih Alfred Sant jagħti perspettiva Maltija għall-iżviluppi fiż-żona ewro bejn 2015 u t-tmiem tal-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea f’Ġunju 2017. Dan it-tielet volum tal-ktieb jittratta l-kriżi Griega, l-isforzi biex tikber l-ekonomija fl-Ewropa, l-impatt tal-Brexit fuq iż-żona ewro u d-dibattiti dwar il-futur tal-ewro issa li s-snin ta’ kriżi jidhru li għaddew. L-ewwel u t-tieni volum ta’ Malta u l-Ewro kienu inbigħu fi ftit ġimgħat tant li l-pubblikaturi kellhom jistampaw mill-ġdid iż-żewġ edizzjonijiet biex ilaħħqu mad-domanda.
“Dan il-volum huwa indispensabbli għall-istduenti Maltin u ċ-ċittadini Maltin li jixtiequ jifhmu l-fatturi li ikkundizzjonaw il-munita nazzjonali tagħna”, qalet SKS li ippubblikat dal-ktieb.
Matul iż-żmien analizzat f’dal-ktieb, effettivament l-Unjoni Ewropea kellha taffaċċja kriżijiet ġodda u qawwija li tfew il-problemi li setgħu qed idejqu l-munita tal-ewro. Fost oħrajn, inqalgħu l-kriżijiet tal-immigrazzjoni; tat-tilwima mar-Russja dwar l-Ukrajna; tat-terroriżmu Ġiħadi; tal-Brexit.
“L-ewro hi l-munita nazzjonali tagħna, u l-Maltin u l-Għawdxin għandhom kull interess li jsegwu xinhu jiġri minnha. Għalkemm il-kriżi tal-2008 tidher li hi mirbuħa, iż-żona tal-ewro qed tinqasam f’partijiet li ekonomikament u soċjalment qed jitbiegħdu minn xulxin, hekk li l-isfida essenzjali saret kif din id-diverġenza perikoluża se tingħeleb. Strutturi ġodda ta’ tmexxija fiż-żona tal-ewro m’għandhomx jiddaħħlu a skapitu tal-interessi tal-pajjiżi żgħar membri tagħha. Għadha u se tibqa’ fuq il-mejda l-mistoqsija dwar jekk – biex titjieb it-tmexxija taż-żona tal-ewro – humiex se jiddaħħlu strutturi u regoli li jkunu bilfors ta’ natura federali,” jistqarr Alfred Sant fil-ktieb.
Il-ktieb jinkludi il-fatti dwar l-introduzzjoni, l-iżvilupp u l-inkwiet li iffaċċjat l-ewro bejn 1997 u nofs 2017. L-ewwel żewġ volumi eżaminaw il-perijodu 2008 u Marzu 2015. It-tielet volum jibda bl-aħħar fażi tal-kriżi Griega, jimxi sar-Referendum tal-Brexit u jressaqna lejn iż-żminijiet fejn l-ekonomija Ewropea bdiet tirpilja, minkejja l-problema soċjali li għadhom jippersistu.
Il-ktieb se jitnieda fil-FORTRESS BUILDERS, Valletta l-Ġimgħa 13 ta’ Ottubru fis-7pm. Alfred Sant se jkun il-kelliemi ewlieni u jkun intervistat minn Antoinette Falzon. Il-pubbliku mistieden jattendi. Dħul b’xejn u jkun hemm riċeviment. Il-ktieb se jinbigħ €10 mill-ħwienet tal-kotba ewlenin.