Il-Gvern qal li bil-konferenza stampa ta’ dalgħodu, fejn saru bosta allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni b’rabta mal-investiment fil-qasam tal-enerġija, l-Oppożizzjoni qed tipprova b’allegazzjonijiet giddieba u maħmuġin, ittellef l-ikbar investiment fl-enerġija li qatt ra pajjiżna.
“L-Oppożizzjoni tagħmel dan għax hija mdejqa li l-Enemalta ġiet fuq saqajha, li l-power station taħdem bil-gass u li l-poplu Malti qed iħallas kontijiet orħos,” qal il-gvern.
Kien innotat ukoll kif il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jistrieħ fuq gideb li ġie ċċirkolat sempliċiment biex inaqqas mill-ġieħ u r-reputazzjoni ta’ individwi bl-iskop li jtellef lill-Gvern mill-ħidma tiegħu. Il-Gvern se jkun qiegħed jieħu l-passi kollha biex ma jħallix lill-Oppożizzjoni tħammeġ iktar lil pajjiżna.
“Iffaċċjat minn dan il-gideb qarrieqi, se jkollhom jittieħdu passi ta’ libell fil-konfront tal-kelliema tal-Partit Nazzjonalista,” qal il-gvern.
Aqra wkoll: Mizzi b’libell b’kontra Busuttil, Portelli u Azzopardi