Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST), li huwa parti mis-Segretarjat Parlamentari għal Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, illum iffirma ftehim ta’ qafas maċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Etudes Spatiales– l-Aġenzija Spazjali Franċiża, relatata mal-promozzjoni ta’ attivitajiet kooperati fl-Ispazju.
L-għan ta’ dan il-ftehim huwa li jistabbilixxi relazzjoni mmirata lejn it-titjib tal-kooperazzjoni u l-iżvilupp ta’ opportunitajiet għal entitajiet u professjonisti Maltin biex jikkollaboraw ma’ aġenzija ta’ wirt eċċezzjonali fi ħdan is-settur spazjali.
Aktar importanti minn hekk, meta jitqies li s-settur spazjali Malti huwa fil-bidu tiegħu, dan il-ftehim jimmira li jkompli jqajjem kuxjenza u bini ta’ kapaċità f’dan is-settur ta’ qligħ: għan ewlieni tal-Politika Spazjali Nazzjonali li ġiet ippubblikata reċentement.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MCST Dr. Jeffrey Pullicino Orlando saħaq li kollaborazzjonijiet bħal dawn jostgħu jgħinu biex inaqqsu id-distakk bejn is-soċjetà u applikazzjonijiet bis-satellita.
Il-ftehim jippermetti wkoll kooperazzjoni fir-riċerka u l-iżvilupp ta’ servizzi spazjali downstream. Dawn is-servizzi jittrasformaw eluf ta’ xbihat meħuda bis-satellita f’sors b’valur miżjud, għaliex bihom jistgħu jiġu żviluppati firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet: għal protezzjoni ambjentali, agrikoltura, sajd, trasport, turiżmu u protezzjoni ċivili, fost oħrajn.
Peress li Malta ffirmat ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Aġenzija Spazjali Ewropea, fi Frar 2012, l-MCST ingħatat il-kompitu tal-koordinazzjoni u l-governanza ta’ kwistjonijiet relatati mal-ispazju f’Malta.
L-Ambaxxatur Franċiża l-Eċċellenza Tagħha Béatrice Le Fraper du Hellen kienet preżenti għall-avveniment.