Huma mistennija li jittellgħu għadd ta’ dimostrazzjonijiet fi Spanja kontra l-indipendenza tal-Katalonja, wara r-referendum ikkontestat li sar il-Ħadd li għadda.
Id-dimostrazzjonijiet huma ppjanati fil-kapitali Madrid u bliet oħra, b’partitarji li qed jitolbu li ssir protesta simili fil-kapitali tal-Katalonja, Barċellona.
Sadanittant, ir-rappreżentant tal-gvern ta’ Spanja fil-Katalunja, Enric Millo, skuża ruħu għal dawk imweġġa’ waqt l-isforzi tal-pulizija biex iwaqqfu r-referendum.
Dan iżda filwaqt li akkuża lill-gvern Katalan li għamel vot illegali.
Din kienet l-ewwel skuża ta’ uffiċjal tal-gvern Spanjol dwar il-vjolenza matul ir-referendum. Is-Sur Millo qal li “jiddispjaċih u jiskuża ruħu f’isem l-uffiċjali li intervjenew”.
Mijiet ta’ nies sfaw feruti meta pulizija, bi sforz biex jippruvaw jinfurzaw il-projbizzjoni tal-qorti Spanjola fuq il-vot, ppruvaw jieħdu kaxxi tal-votazzjoni u jxerrdu l-votanti.
Tlieta u tletin uffiċjal tal-pulizija kienu wkoll mweġġħa.