Il-kumpanija GO plc ħabbret investiment ta’ €100 miljun fuq medda ta’ 5 snin.
Investiment f’infrastruttura li tassigura li s-sistemi tal-kumpanija f’Malta, ikunu jirriflettu l-iżviluppi teknoloġiċi li jsiru, fl-istess waqt li jinqdew it-talbiet, li kulma jmur qed jiżdiedu, tal-komunità Maltija.Dan l-investiment se jkompli jsaħħaħ il-vot ta’ fiduċja li ilha tati l-kumpanija f’pajjiżna, bil-Kap Eżekuttiv ta’ GO jinnota li l-kumpanija investiet xejn inqas minn €240 miljun fl-aħħar għaxar snin.
Meta tħabbar l-investiment, il-Prim Ministru Joseph Muscat innota li GO għandha rwol kruċjali fl-ekonomija Maltija, u rrimarka l-importanza ta’ investiment bħal dan għall-ħaddiema.
Għaliex mhux biss jagħtihom serħan il-moħħ, iżda jassiguralhom l-impjieg ma’ kumpanija li bi ħsiebha tkompli tinvesti.
Il-kumpanija GO mhux biss se tirdoppja l-cables li jgħaqqdu lil Malta mal-Ewropa, iżda għaddejja b’diskussjonijiet mal-Gvern għall-possibilità ta’ konnettività mal-Afrika ta’ Fuq.
F’dan il-kuntest, il-Kap Eżekuttiv ta’ GO innota li kienu ħafna l-investituri potenzjali li diġà wrew interess u kkuntattjaw lill-kumpanija; lesti biex jisfruttaw l-ideat.