Duncan Scerri, ta’ tnejn u erbgħin sena minn Buġibba ġie arrestat u akkużat b’pussess aggravat ta’ eroina. Dan wara operazzjoni ta’ sorveljanza f’April tal-elfejn u sitta.
Fuq persuntu, nstabu tliet pakketti b’nofs gramma eroina filwaqt li sebgħa u tletin gramma instabu f’daru. Fl-istess waqt fuqu ma nstabu l-ebda ammont ta’ flus. L-esperti stabillixew li l-eroina kienet ta’ wieħed u erbgħin punt sebgħa fil-mija pura. Tfittxija fir-residenza tal-akkużat waslet għal sejba ta’ numru ta’ affarijiet relatati mal-abbuż tad-droga flimkien ma’ tmien mija u ħmistax-il ewro fi flus kontanti. Scerri qal lill-qorti li huwa kien jikkonsma sitt dożi ta’ droga kuljum. Oriġinarjament il-qorti tal-maġistrati sabet lil Scerri ħati ta’ pussess aggravat ta’ droga, b’sentenza ta’ erba’ snin ħabs u b’multa ta’ tlett elef ewro. Iżda Scerri appella u insista li huwa kellu jinstab ħati biss ta’ pussess sempliċi.
Il-qorti ddikjarat lill-akkużat ħati ta ‘pussess sempliċi ta’ droga u naqqset il-piena minn terminu ta’ ħabs ta’ erba’ snin u multa ta’ tlett elef ewro għal multa ta’ elf ewro.