Sensiela wiesgħa ta’ kwistjonijiet relatati mal-futur soċjali, politiku u ekonomiku tal-Ewropa mistennija jiġu diskussi matul il-konferenza ‘Il-Futur tal-Ewropa’ nhar il-ġimgħa 06 ta’ Ottubru 2017 fil-Qawra indirizzata mill-Kap tad-delegazzjoni Laburista tal-Parlament Ewropew Dr Alfred Sant.
“Id-diverġenzi ekonomiċi u soċjali qed jikbru bejn in-Nord u s-Sud tal-Ewropa minkejja li l-ekonomija Ewropea tidher li qed tirpilja. Il-problemi soċjali qed jippersistu tul l-Ewropa kollha. L-inċertezza dwar in-negozjati tal-Brexit bejn l-UE u r-Renju Unit għadha kbira, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja għadhom mimlija tensjoni, l-immigrazzjoni fiċ-ċentru u l-Lvant tal-Mediterran għadha ttektek bla waqfien, waqt li t-terroriżmu Ġiħadista jħasseb lil kontinent kollu.” qal l-Ewroparlamentari.
Il-Konferenza se ssir fis-6.30pm fil-Luzzu Complex, quddiem il-Lukanda Suncrest fil-Qawra u se titmexxa mill-ġurnalist Manuel Micallef.
Il-pubbliku mistieden jipparteċiża fil-konferenza biex jifhem aktar l-isfidi li qed jaffaċċjaw Malta u Għawdex f’dan il-punt partikolari tal-istorja tal-UE.