Il-bini tal-power station il-ġdida f’Delimara, li se tkun qed taħdem bil-gass, kompla miexi b’ritmu tajjeb hekk kif bħalissa għaddej ittestjar fuq it-turbini li jiġġeneraw l-enerġija.
Catherine Halpin, kelliema għal dan il-proġett qalet ma’ one.com.mt li għaddejja ħidma ġmielha f’dan l-impjant. Filwaqt li qegħdin jiġu installati numru ta’ bojlers u kompressuri tal-gass, għaddej ittestjar fuq l-ewwel turbine, b’din tal-aħħar għaddiet minn 24 test differenti. Fil-jiem li ġejjin se jsir l-istess proċess fuq iż-żewġ turibini l-oħra.
Dan il-makkinarju, li ġie mmanifatturat mill-kumpanija ta’ fama internazzjonali Siemens fl-Iżvezja u waslu f’pajjiżna f’Diċembru li għadda, jipproduċu mal-50 MegaWatt ta’ elettriku. Il-kumplament tal-elettriku, jiġifieri madwar 65 MegaWatt, se jiġi ġġenerat minn turbina tal-isteam.