Ftit tal-ħin ilu, it-torri tal-Malta Air Traffic Services ġie milqut b’sajjetta li kkawżat ħsarat tekniċi fl-apparat tal-kumpanija.
Għaldaqstant bħala prekawzjoni, twaqqaf b’mod temporanju l-operat tal-ajruplani li jgħaddu minn fuq l-Airspace Maltija sakemm issolviet il-problema.
Is-sistemi tal-Malta Air Traffic Services reġgħu lura għan-normal.
Intant, il-maltemp li qed jiddomina l-gżejjer Maltin affetwa numru ta’ titjiriet.
Numru ta’ titjiriet li kellhom jitilqu minn Malta ttardjaw, fosthom titjiriet tal-Air Malta lejn Gatwick f’Londra u Munich fil-Ġermanja, u tar-Ryanair lejn Ruma fl-Italja.
Dan filwaqt li titjira tar-Ryanair li kellha tiġi Malta minn Ruma niżlet f’Palermo.
Dan kollu se jwassal biex numru ta’ titjiriet oħra matul il-jum jittardjaw.
Għal dettalji dwar it-titjiriet għal-lum it-Tnejn it-2 t’Ottubru wieħed huwa mħeġġeġ iżur is-sit www.maltairport.com.