Din is-sena l-Kumpanija Teatrali Anici, ser tiftaħ l-istaġun teatrali tagħha permezz ta’ kummiedja fi tliet atti ta’ Antoine German; “Patta Para Patta”; bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi.
F’din il-kummiedja niltaqgħu ma’ seba’ karattri. Is-Sur Alfredo; il-paċenzjuz! U paċenzja jrid ikollok biex tgħix ma’ mara b’karattru bhal dak ta’ martu. Martu, s-sinjura Ester, tħobb tistaqsi wisq u trid tkun taf kollox u fuq kulħadd! Tagħha biss tajjeb u ara biss tipprova tieħu tiegħek! Is-seftura tagħha Mananni ikollha tieħu paċenzja biha mhux ftit, dan għaliex ħafna drabi tkun hi li teħel ma’ rasha. Min naħa l-oħra, Ġulinu s-seftur tas-sur Alfredo, żgur li ma jistax jgħid l-istess għax m’għandux wisq xi jgerger mis-Sinjur. Is-Sur Beneditt, missier is-Sinjura Ester, jipprova ifihem lil bintu li n-natural tagħha mhu xejn tajjeb u li bih ser ixebba lil żewgha. Is-Sur Erkole, l-ħabib tal-familja, jipprova jikkalma kull sitwazzjoni li tinqala’! U Spiru l-kok, fiex jidħol fl-istorja? X’ser jiġri miċ-ċena li ser jorganizza is-Sur Alfredo? X’jigri f’Għar id-Dud? U fuq kollox, għaliex “Patta Para Patta”?
Biex tkunu tafu dan u aktar, ingħaqdu magħna ghal serata ta’ daħk kontinwu, is-Sibt 21 t’Ottubru 2017 fis-7:30pm u l-Ħadd 22 t’Ottubru 2017 fis-6:00pm. Fis-Sala tal-Kulleġġ San Injazju, Eks Skola Ġużè Galea San Ġorġ Ħal Qormi.
Għall-biljetti ċemplu fuq 99498012 jew 99208043.