Tfajla Taljana akkużata bl-involviment ta’ traffikar wara li nstabu sebgħin kilogramma kannabis fil-bajja tal-Għadira iktar kmieni dan ix-xahar ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest hekk kif komplew il-proċeduri kriminali fil-konfront tagħha u ta’ raġel Malti.
Michael Aquilina, ta’ 44 sena, u Greta Grassi, ta’ 22 sena, ġew arrestati fis-7 ta’ Settembru wara li filmat ta’ sorveljanza tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga wassal għall-iskoperta ta’ operazzjoni ta’ traffikar bejn Malta u Sqallija permezz ta’ dgħajjes.
Il-Maġistrat Neville Camilleri semgħa x-xhieda ta’ Omar Psaila mill- Mtarfa, wieħed mill-propjetari tad-dgħajsa ‘Grande Fratello’. Huwa kien xtara d-dgħajsa flimkien ma’ Aquilina s-sena l-oħra.
Il-“Grande Fratello”kienet interċettata mill-Iskwadra ta’ kontra d-Droga hija u dieħla fil-bajja tal-Għadira bir-reżina tal-kannabis.
Psaila spjega kif id-dgħajsa kienet tintuża mill-propjetarji flimkien man-nisa u tfal tagħhom.
Ix-xhud għaraf lill-Aquilina fl-awla iżda qal li ma kellux idea min hi Grassi u li qatt ma kien raha qabel.
Xhud ieħor li dehret fil-Qorti l-bieraħ li hija s-sid tal-karozza sportiva Porsche li nstabu fiha l-ko-akkużati meta ġew arrestati wara li kienu qed isuqu b’madwar 50 kilo reżina tal-kannabis fil-bagoll.
Ix-xhud qalet kif fil-passat kienet ħalliet lill-Michael Aquilina jissellef il-karozza. Huwa kien jipparkja fi triq viċin ir-residenza tagħha f’ Buġibba wara li kien jużha.
Meta x-xhud qalet li l-aħħar li l-akkużat uża l-karozza kien qabel Settembru, l-prosekuzzjoni staqsiet kif Aqulina kien qed isuq il-karozza propju fis-7 ta’ Settembru.
Hija wieġbet li kellha żewġt iċwievet tal-karozza, u li waħda minnhom intilfet. Meta rat ir-rapporti fuq il-midja li l-karozza kienet involuta f’attivita kriminali, hija beżgħet u ma rrapurtax is-serq taċ-ċwievet lill-Pulizija.
Il-Maġistrat wissiha kemm-il darba li jekk tinqabgħad tigbed taħt ġurament, jistgħu jittieħdu proċeduri kontriha. Hija qalet li ma rrealizzatx li l-karozza kienet nieqsa għaliex kellha taħdem il-ġurnata ta’ wara u ma ċċekjatx biex tara jekk il-karozza kinitx ipparkjata ħdejn id-dar.
Il-Maġistrat saqsiha kemm-il darba minn xiex kienet qed tibża u jekk kinitx mhedda qabel ma xhedet.
Hija qalet li beżgħet li tidħol fil-każ, li saret taf dwaru biss mill-midja.
Fl-aħħar tas-seduta d-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest ta’ Grassi, u enfasizzat li hija domiċiljata Malta u kellha kondotta nadifa mingħajr ebda riskju li se taħrab minn Malta. Qalet ukoll li x-xhieda kollha kienet xhedet u kemm wieħed mill-propjetarji tad-dgħajsa kif ukoll tal-Porsche qalu li qatt ma’ ra lil Grassi fuq id-dgħajsa.
Iżda fid-digreit li ngħata llum, il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest.