Tressqet il-Qorti b’arrest Sabrina Camilleri, t-tifla ta’ Mario Camilleri magħruf bħala l-Imnieħru, mixlija li ħebbet għall-uffiċjal pulizija mara.
Camilleri, li għandha tmienja u għoxrin sena, residenti is-Swieqi, tresqet taħt l-akkuża li fis-26 ta’ Settembru, għall-ħabta tad-8.45 a.m. f’San Ġiljan, ħebbet għall-Kuntistabbli Abigail Couldrey u kkaġunatilha ġrieħi ħfief.
L-akkużata ġiet mixlija wkoll li rreżistiet u heddet lill-pulizija, li m’obdietx l-ordnijiet tal-Pulizija kif ukoll li kisret il-paċi pubblika.
Camilleri wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjubha kontriha.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera tatha l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet u garanzija personali ta’ €1,000.