L-Awtorità tal-Ippjanar illum approvat l-applikazzjoni tal-ippjanar biex tibni ċentru tas-saħħa reġjonali f’Raħal Ġdid.
L-applikazzjoni sottomessa għal żvilupp sħiħ tipproponi t-twaqqigħ tal-klabb tal-boċċi u l-ġnien pubbliku eżistenti u l-bini ta’ ċentru tas-saħħa reġjonali li se jinkludi teatri operattivi, kmamar ta’ konsultazzjoni u trattament, kliniki tal-fiżjoterapija u spiżerija.
Il-proposta tinvolvi wkoll il-konverżjoni ta’ partijiet tal-grawnd tal-futbol Pace Grasso, li jinsab abbandunat, fi spazji temporanji ta’ parkeġġ.
Il-bini propost jikkonsisti minn sular ta’ taħt l-art u seba’ sulari fuq l-art.
Iċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid ser jipprovdi servizzi ta’ kura tas-saħħa lil persuni li joqogħdu f’lokalitajiet li jifformaw parti mid-Distretti tan-Nofsinhar u x-Xlokk f’Malta.
Persuni li joqogħdu fiż-żona taċ-Ċentru tas-Saħħa preżenti ta’ Raħal Ġdid se ikunu jistgħu jaċċessaw is-servizzi kollha provduti f’dan il-hub ġdid ladarba jinfetaħ, filwaqt li n-nies li preżentament imorru jew fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Bormla u jew dak ta’ Ħal Kirkop, ser ikunu jistgħu jaċċessaw servizzi aktar speċifiċi fosthom testijiet tal-għajnejn, tas-snien, tad-dimensja, tal-għadam u tal-ultrasound, servizzi marbuta mas-saħħa sesswali u wkoll is-servizz ta’ambulanza.