Ikompli l-ġuri ta’ Gerald Galea, ta’ sebgħa u sittin sena, fejn skont ix-xhieda ta’ Joseph Asciak li nqrat fil-Qorti hu ra lill-akkużat isuq fuq il-vittma.
Galea possibilment qed jaffaċja sentenza ta’ priġunerija għal għomru jekk jinstab ħati tal- omiċidju volontarju ta’ John Spiteri ta’ ħamsa u erbgħin sena. Spiteri miet ftit wara li ġie investit minn Galea fil-Qbajjar f’Marsalforn fl-2013.
Galea qed ukoll jiġi akkużat b’attentat ta’ omiċidju fil-konfront ta’ Matthew Spiteri, t-tifel tal-vittma, kif ukoll li kkaġuna eluf ta’ ewro fi ħsara lill-karozza li kien qed isuq li ma kinitx fil-propjetà tiegħu.
L-inċident fatali seħħ fil-Qbajjar fuq il-promenade f’Marsalforn Għawdex, nhar id-dsatax ta’ Ġunju 2013 għall-ħabta tat-tlieta u kwart ta’ wara nofsinhar.
Spiteri u t-tifel kienu qed jiżbru xi siġar sabiex ikunu jistgħu ipoġġu gabbana fuq is-sit meta l-akkużat wasal fuq il-post bil-karozza u beda jargumenta magħhom. Allegatament wara tela lura fil-karozza u saq id-dawra tal-parkeġġ kemm-il darba qabel ma saq fuq John Spiteri.
Spiteri ttieħed l-isptar f’kundizzjoni kritika, u miet ftit tal-ħin wara.
L-armla ta’ Spiteri dehret fl-awla tal-Qorti flimkien maż-żewġt itfal tagħha.
Asciak kien xhed fil-kompilazzjoni tal-evidenza qabel ma rritorna lura lejn l-Awstralja. Huwa kien spjega kif kien qed jara film meta semgħa l-karozza, ħares mit-tieqa u ra raġel jiġri, jitfixkel u jaqa’ mal-art u karozza ssuq fuqu. Asciak qal li kien għajat lit-tifla li hija nfermiera sabiex jassistu lill-vittma. Fuq ix-xena kien hemm żgħażugħ li identifika ruħu bħala t-tifel ta’ Spiteri. Asciak kien żamm lix-xufier kif ħareġ mill-karozza peress li deher li dan kien se jaħrab minn fuq il-post.
Ħu l-akkużat, Jude Taddeo Galea xhed li ma kienx għaraf lil ħuħ meta mar fuq il-post sabiex jara x’kien ġara. Qal li wiċċ l-akkużat kien minfuħ b’marki blu u suwed bħal li kieku xi ħadd prova jivggħu.
Huwa qal li ra ukoll persuna mal-art tibki bl-uġiegħ, li wara ttieħdet l-isptar fl-ambulanza flimkien ma ħuħ. Huwa nsista li ma kienx jaf lill-vittma iżda kien għaraf lit-tifel tiegħu li kien xtara xi ikel minn għandu fil-passat. Huwa insista li ħuħ ma hux persuna vjolenti.
Xhud ieħor ta’ nazzjonalità Ingliża residenti f’Għawdex qalet li tiftakar li kienet fl-appartament tagħha meta semgħet lil xi ħadd jgħatat “Good God, he killed him”, ħarset ‘l barra u rat raġel mal-art u żgħażugħ jattakka raġel ieħor filwaqt li kien hemm xi nies jipruvaw iżommuh.