Ir-Re Salman tal-Arabja Sawdija ta ordni li permezz tagħha n-nisa fil-pajjiż se jkunu jistgħu jibdew isuqu.
L-aħbar ingħata fuq l-istazzjon nazzjonali tal-pajjiż. Din id-deċiżjoni ġabet fi tmiemha politika li saret simbolu globali ta’ ripressjoni fuq in-nisa f’saltna ultrakonservattiva.
Il-bidla, li se tidħol fis-seħħ minn Ġunju tas-sena d-dieħla tħabbret fuq l-istazzjon tal-istat u fl-istess ħin waqt avveniment f’Washington. Id-deċiżjoni ttieħdet fid-dawl tal-ħsara kbira li din il-politika għamlet lir-reputazzjoni tas-saltna fil-qasam internazzjonali u t-tama tagħha li ttejjeb ir-relazzjonijiet pubbliċi permezz ta’ din ir-riforma.
Tul is-snin, l-uffiċjali Sawdi u l-kleriċi taw bosta spjegazzjonijiet għal din il-projbizzjoni.
Uħud qalu li fil-kultura Sawdita ma kienx xieraq li n-nisa jsuqu jew li s-sewwieqa rġiel ma kinux jafu kif għandhom jittrattaw lin-nisa li jkunu qed isuqu magħhom. Oħrajn argumentaw li dan “id-dritt” iwassal għal aktar sess każwali u għat-tkisser tal-familja Sawdija. Saħansitra wieħed mill-kjeriċi qal mingħajr ma kellu evidenza li s-sewqan jagħmel ħsara lill-ovarji tan-nisa.
Membri fi gruppi li kkampanjaw fit-tul biex titneħħa din il-projbizzjoni u għexieren ta’ nisa sfaw arrestati u mibgħuta l-ħabs talli kisru din il-projbizzjoni meta ddeċiedew li jsuqu.