Koppja arrestata fil-belt ta’ Krasnodar fir-Russja ammettiet li qatlet mat-30 persuna, skont rapporti mill-midja Russa.
Dmitry Baksheev, ta’ 35 sena, u martu Natalia, ġew arrestati wara li nstab ġisem mqatta’ biċċiet fil-bażi militari fejn huma kienu jgħixu.
Il-koppja allegatament baqgħet tgħix f’din l-akkomodazzjoni wara xi żmien taħdem fis-sit.
Il-Pulizija kkonfermat li numru ta’ oġġetti tal-ikel u laħam skoperti fid-dar tagħhom issa qegħdin jiġu ttestjati għad-DNA tal-bniedem.
Aktar kmieni dan ix-xahar kien instab mowbajl minn ħaddiema tal-kostruzzjoni tat-toroq b’ritratti li juri partijiet tal-ġisem uman imqattgħin biċċiet.
Ritratt minn dawn allegatament kien juri wkoll lis-Sur Baksheev b’partijiet tal-iġsma f’ħalqu.
Il-Pulizija kkonfermat li l-koppja għadha qed tinżamm taħt arrest fuq akkuża ta’ qtil, filwaqt li għadhom għaddejin l-investigazzjonijiet u t-testijiet fuq l-evidenza.