Il-Bajja tax-Xlendi kellha tingħalaq aktar kmieni llum minħabba kontaminazzjoni qawwija minn dak li jidher li huwa materjal ta’ rziezet li ntrema llegalment.
Dan ikkawża sadd f’arterja prinċipali li rriżulta f’overflow fil-wied u li baqa’ nieżel sal-bajja.
Fi stqarrija l-Ministeru għall-Enerġija u l-Ilma qal li l-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma marru mill-ewwel fuq il-post u qed jagħmlu mill-aħjar biex ineħħu dan il-ħmieġ u jwaqqflu l-flow lejn il-baħar kemm jista’ jkun malajr.
Il-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma skuża ruħu mal-pubbliku għal dan l-ikonvenjent waqt li kkundanna dan l-aġir minn persuni irresponsabbli li ramew dan il-materjal b’mod illegali u mingħajr ebda konsiderazzjoni lejn is-saħħa pubblika.