Raġel fi Franza reġa kiseb ċertu livell ta’ kuxjenza wara li kien fi stat veġetattiv għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena.
It-tobba trattaw lill-pazjent ta’ 35 sena, li kien indarab f’inċident bil-karozza, b’terapija sperimentali li kienet tinvolvi l-impjantar ta’ stimulatur tan-nervaturi ġewwa sidhru.
Fi żmien xahar, huwa seta’ jirrispondi għal struzzjonijiet sempliċi, idawwar rasu u jmexxi għajnejh ma’ oġġetti li jkun qed jara.
Esperti jgħidu li r-riżultati huma potenzjalment eċċitanti ħafna, iżda jeħtieġ li jkomplu jsiru aktar testijiet.
Għalkemm dan il-metodu, magħruf bħala ‘Vagal Nerve Stimulation’ jista’ ma jaħdimx fuq il-pazjenti kollha bi problemi fil-moħħ bl-istess rata ta’ suċċess, Angela Sirigu, mill-Institut tax-Xjenzi tal-Moħħ f’Lyon, qalet li hija kienet għażlet pazjent verament ta’ sfida biex tipprova l-metodu tagħha fuqu.