Fl-ewwel mitt jum ta dan il-Gvern bdiet titwaqqa’ ċ-ċumnija tal-powerstation ta’ Delimara. L-ogħla struttura fil-pajjiż fejn ix-xogħol tat-twaqqigħ se jieħu sa massimu ta’ sena.
Enemalta plc bdiet iżżarma l-aħħar impjant tal-heavy fuel oil fid-Delimara Power Station, kif ukoll iċ-ċumnija twila tiegħu.
Ftit tal-jiem ilu, l-kuntratturi tat-twaqqigħ tal-Kumpanija qatgħu u bdew ineħħu żewġ pajpijiet kbar li kienu jgħaqqdu l-boilers tal-heavy fuel oil ta’ dan l-impjant maċ-ċumnija. Fl-istess waqt, ħaddiema oħra bdew iżarmaw wieħed mill-istess boilers ukoll. Dan il-proġett, li mistenni jitlesta f’madwar sena, jinkludi t-twaqqigħ sħiħ taċ-ċumnija tal-konkos u l-ħadid, li tiżen kważi 9,000 tunnellata, jew madwar 6,000 karozza, kif ukoll il-boilers, it-turbini u t-tagħmir kollu ta’ dan l-impjant.
Malli jiżżarmaw, il-materjali tal-impjant ser jiġu separati fuq il-post stess qabel ma jittieħdu lejn postijiet awtorizzati tal-iskart jew tar-riċiklaġġ awtorizzati. Aktar minn 5,400 metru kubu ta’ konkos u materjal ieħor tal-bini ser jitneħħew mis-sit. Mal-5,300 tunnellata ta’ ħadid mistennija jiġu esportati għar-riċiklaġġ.
L-impjant Delimara 1, li beda jopera fl-1992 b’żewġ turbini ta’ 60 megawatt-il waħda, intefa sabiex jinżamm cold standby għal każi ta’ emerġenza f’April 2017, sakemm ġie ddikjarat dekommissjonat kompletament fl-1 ta’ Settembru. Ftit tal-jiem wara, l-kuntrattur Taljan tat-twaqqigħ magħżul għal dan il-proġett beda jġib fuq il-post l-inġenji u apparat ieħor meħtieġa għaż-żarmar.
Iċ-ċumnija tal-impjant tinkludi struttura ċilindrika tal-konkos m’għola 50 sular, b’diametru ta’ 12-il metru. Il-ħitan tagħha għandhom ħxuna ta’ 80 ċentimetru fil-qiegħ u 30 ċentimetru fil-quċċata. Ġewwa din l-istruttura tal-konkos hemm żewġ pajpijiet b’wisa’ ta’ 2.3 metri li minhom kien joħroġ id-duħħan tal-ħarqa tal-boilers.
Il-proċess taż-żarmar beda bit-tneħħija tal-aktar parti baxxa ta’ dawn iż-żewġ pajpijiet tal-ħadid, li jgħaqqdu ċ-ċumnija maż-żewġ boilers. Il-kumplament tal-pajpijiet tal-ħadid, slielem u pjattaformi oħra tal-ħadid li hemm aktar ‘il fuq ġewwa ċ-ċumnija ser jitniżżlu mal-art permezz ta’ tagħmir magħruf bħala strand jacks, sabiex ikunu jistgħu jiżżarmaw b’mod sikur.
Fl-istess waqt, barra l-ħitan taċ-ċumnija, il-kuntratturi dalwaqt ser jibdew jarmaw pjattaforma titla’ u tinżel awtomatikament fuq ħames kolonni li ser jibqgħu tielgħin sal-quċċata tal-istruttura. Malli l-ħadid kollu ġewwa ċ-ċumnija jitneħħa, remote-controlled demolition robots fuq il-pjattaforma ser jibdew ikissru l-ogħla parti ta’ 1.5 metri taċ-ċumnija. Malli titlesta din il-parti, l-pjattaforma titniżżel 1.5 metri sabiex ikompli t-twaqqigħ ta’ biċċa oħra. Il-biċċiet tal-konkos ser jitniżżlu l-art minn ġewwa ċ-ċumnija stess, sabiex jitnaqqsu t-trabijiet. X’ħin ikun fl-art, jitbgħabba fuq trakkijiet sabiex jinġarr.
Il-proċess gradwali ta’ żarmar permezz tal-pjattaforma mistenni jiġi ripetut madwar 80 darba sakemm iċ-ċumnija titniżżel għal 35 metru. F’dan l-istadju, l-pjattaforma titneħħa u l-kumplament taċ-ċumnija titkisserpermezz ta’ high reach demolition excavator minn mal-art.
Inġ. Fredrick Azzopardi, Executive Chairman ta’ Enemalta plc, spjega li l-inġiniera, periti u impjegati oħra tal-Kumpanija qed isegwu l-proċess taż-żarmar mill-qrib, waqt li jgħinu lill-kuntrattur sabiex jiżguraw li x-xogħol ta’ żarmar ma jtellifx l-operat jew is-sigurtà tal-impjanti l-oħra li hemm viċin, u li ser jibqgħu jiġġeneraw l-elettriku meħtieġ biex nilqgħu għad-domanda tal-pajjiż. Enemalta tinsab impenjata li twettaq dan il-proġett fl-inqas żmien possibbli, mingħajr ma tipperikola s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema involuti u bl-inqas impatt fuq l-ambjent u fuq il-lokalitajiet tal-inħawi.
“Bħalissa qed inżarmaw ukoll l-aħħar ftit strutturi tal-Marsa Power Station, li ġiet dekommissjonata kompletament din is-sena wkoll. Malli nlestu ż-żarmar ta’ Delimara 1, inkunu neħħejna kompletament l-aħħar impjant tal-HFO li konna għadna niddependu fuqu sa ftit xhur ilu. Minflok, issa qed nilqgħu għad-domanda tal-pajjiż permezz ta’ taħlita effiċċjenti li tinkludi impjanti jaħdmu bil-gass li ma jħammiġx l-arja, il-Malta-Italy Interconnector u sorsi ta’ enerġija li tiġġedded,” temm jgħid l-Inġ. Azzopardi.