Ġerardu Galea ta’ sitta u sebgħin sena mir-Rabat Għawdex beda għaddej ġuri mixli bil-qtil ta’ John Spiteri ta’ ħamsa u erbgħin sena. Huwa qed jiġi mixli wkoll u li pprova jqiegħed ħajjet iben il-vittma Matthew ta’ 20 sena f’periklu ċar f’inċident li seħħ f’Ġunju ta’ erba’ snin ilu f’Marsalforn.
Galea qed jiġi mixli wkoll li għamel b’aktar minn elfejn u sitt mitt ewro ħsara f’karozza meta allegatament daħal fiha u saq għal fuq il-vittma, missier ta’ tlett itfal fil-parkeġġ tal-Qbajjar, limiti ta’ Marsalforn.
Il-prosekuzzjoni qalet li l-qtil seħħ meta l-vittma u ibnu Matthew kienu qed jiżbru s-siġar u jwaħħlu xi arbli żgħar fil-parkeġġ bi tħejjija għall-gabbana li kellhom jiftħu għax-xhur tas-sajf.
Mill-investigazzjonijiet tal-pulizija ħareġ li waqt li l-vittma u ibnu kienu qed jiżbru s-siġar, mar għal fuqhom l-allegatt aggressur u ħadha qatta’ bla ħabel magħhom dwar iż-żbir ta-siġar.
Ingħad li meta iben il-vittma mar fil-karozza tiegħu biex iġib il-mobile u jċempel lill-pulizija, huwa ra lill-missieru bid-demm ħiereġ minn xoftejh. Kien hawn li Galea rikeb fil-karozza, għamel bosta manuvri u rriversja għal fuq il-missier u l-iben. Waqt li Matthew rnexxielu jiżgiċċah, missieru John intlaqat mill-vettura u ttajjar għal bosta metri.
Is-Sur Galea pprova jitlaq minn fuq il-post iżda baqa’ dieħel fil-bankina u f’siġra. Malli ħareġ mill-vettura huwa qala’ daqqa’ ponn f’wiċċu minn iben il-vittma li tilef ħajtu ftit tas-sigħat wara li ttieħed għall-kura fl-isptar ġenearli ta’ Għawdex.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Avukat Giannella Busuttil saħqet li l-akkużat kellu l-intenzjoni ċara li joqtol kemm lil missier u kemm lil ibnu. Qalet li għalkemm irnexxielu joqtol lil missier, it-tentattivi tiegħu biex joqtol lil Matthew ma rnexxiex għax dan kien ħafif u laħaq warrab min-nofs.