Se jkun Jean Pierre Debono li jċedi s-siġġu biex Adrian Delia jidħol fil-Parlament. Debono qal dan ma’ The Malta Indpendent b’din hi l-uniku soluzzjoni possibbli għall-kap tal-Partit Nazzjonalista wara li ħadd minn dawk li telgħu bil-by election ma ried iċedilu.
Fl-aħħar jiem esplora l-possibbilta li jċedilu Frederick Azzopardi, iżdu miegħu ma wasalx lanqas u xi kandidati tal-Partit Nazzjonalista minn Għawdex iddikjaraw li kieku seħħ hekk kienu jikkontestaw il by election u jekk jirbħu jżommu s-siġġu. Lanqas Norman Vella ma ta garanzija li ma jieħux is-siġġu jekk iċedi Herman Sciavone mill-ħames distrett.
It-trattativi ta’ Adrian Delia fl-aħħar jiem urew li ma kellux pjan ta’ kif se jidħol il-parlament. Iżda, kif żvelat il-gazzetta KullĦadd ġimgħat ilu Jean Pierre Debono kien l-uniku soluzzjoni. Jean Pierre Debono qed jgħid li mhux se jingħata xejn, peró kulħadd jaf li fl-aħħar jiem kienu offruti saħansitra impjiegi lil deputati mħeġġa jċedu s-siġġu.
Intant, dan id-deal ta’ Jean Pierre Debono ntlaħaq f’mument fejn qed taħt pressjoni minħabba ffalsifikar ta’ firem bħala parti mill-proċess elettorali għall-ħatra ta’ Kap.
Il-KullĦadd irrapportat kif nies qrib il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qed jaħdmu biex ħadd minn dawk li Jean Pierre Debono ffirma f’isimhom mingħajr ma jafu ma jmur jagħmel rapport lill-pulizija. Għax dan ikun ifisser li Jean Pierre Debono jispiċċa l-qorti fi proċess ta’ ġustizzja.
Naturalment hemm min jixtieq li dan ir-rapport isir, iżda nies qrib il-kap qed jgħidu lil dawk involuti li l-inkwiet la għandhom x’jambuh huma u lanqas il-kap tal-partit jekk iridu li l-partit jingħaqad għal li ġej.
Kien rapport intern tal-Kummissjoni Elettorali tal-PN żvelat mill-Maltatoday kixef li Jean Pierre Debono ffalsifika firem tat-tesserati fi prokuri foloz. Dan sar sabiex ikun jista’ jiġbor id-dokumenti tal-vot tagħhom hu.
Debono nqabad meta tesserat mar id-dar ċentrali biex jiġbor id-dokument tal-vot tiegħu u skopra li Debono kien preżenta prokura ffirmata sabiex ikun jista’ jiġbor il-vot f’ismu. Meta ra l-prokura, it-tesserat sostna li dik ma kinitx il-firma tiegħu.
Wara investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni Elettorali nstab li Debono kien preżenta tmien prokuri oħra f’ismu.
Waħda mill-konklużjonijiet tar-rapport iddeplorat l-azzjonijiet ta’ Debono hekk kif fl-ebda mument ma tkellem mal-Kummissjoni Elettorali u li kieku ma nqalax l-imsemmi inċident din il-ħadma minn uffiċjal għoli tal-partit kienet se tinżamm mistura.
Il-Kummissjoni Elettorali għalqet billi kkundannat lil Debono talli uża prattiċi li jmorru kontra proċeduri stabbiliti mill-Kummissjoni u talli ffalsifika firem sabiex jinġabru dokumenti tal-vot bi prattiċi elettorali illeċiti.
Saħansitra s-Sibt fit-Times of Malta ntqal li l-każ mhux magħluq u fil-laqgħa li jmiss tal-amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista se jkunu diskussi passi dixxiplinarji. Xi ħaġa li kkonfermaw il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u s-Segretarju Ġenerali Rosette Thake.
Huma kkonfermaw li l-każ issa tressaq quddiem il-kunsill amministrattiv tal-partit biex tittieħed azzjoni dixxiplinarja kontra Debono.