Caroline Galea, membru fl-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista u kandidata tal-partit fuq ir-raba’ distrett qalet li l-elezzjoni li wasslet għall-ħatra ta’ Adrian Delia bħala Kap għandha tiġi ddikjarata nulla.
Galea qalet li peress li hemm allegazzjonijiet serji li jinvolvu l-possibilità ta’ tbagħbis ta’ voti fl-elezzoni għall-ħatra ta’ kap tal-Partit Nazzjonalista, l-elezzjoni għandha tiġi ddikjara nulla b’effett immedjat u għandha tinħatar inkjesta interna b’mod urġenti.
Il-membru tal-eżekuttiv qalet dan b’reazzjoni għal dak żvelat fl-aħħar jiem b’rabta mad-deputat Nazzjonalista u Assistent Segretarju Ġenerali tal-PN Jean Pierre Debono li jinsab f’nofs kontroversja wara li ħareġ li l-Kummissjoni Elettorali ċanfritu minħabba prattiċi irregolari waqt l-elezzjoni għall-Kap tal-Parit Nazzjonalista.
Mir-rapport tal-Kummissjoni ħareġ ċar li Debono ġabar dokumenti tal-voti mingħajr ma vverifika jekk il-firma fuq il-karta tal-prokura kinitx ġenwina jew iffalsifikata. Fil-fatt irriżulta li kien hemm firem foloz u li nġabru dokumenti tal-voti ta’ nies li ma kienu awtorizzaw lil ħadd biex jiġbrilhom id-dokument tal-vot.
Galea qalet li l-Partit Nazzjonalista jemmen fil-governanza tajba u t-trasparenza u għalhekk qalet li ebda kap tal-Partit Nazzjonalista m’għandu jibda jokkupa din il-kariga fid-dell ta’ dawn l-allegazzjonijiet serji.
Hija qalet li Adrian Delia għandu jirbaħ ir-rispett tal-kunsillieri Nazzjonalisti billi jurihom sa fejn iwasslu l-prinċipji tiegħu ta’ governanza tajba u trasparenza.
F’botta ċara għall-istess Delia, hija qalet li l-imħabba għall-partit tiġi mill-azzjoni u mhux mill-paroli waqt li temmet tiffirma din in-nota b’isimha u fil-kariga tagħha ta’ membru elett fil-kumitat eżekuttiv tal-PN, kandidata tal-elezzjoni ġenerali u kunsilliera tal-partit f’Santa Luċija.
Intant fl-aħħar sigħat, il-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-PN Karol Aquilina reġa’ safa fil-mira ta’ theddid, offiżi u kliem ħażin mill-partitarji Nazzjonalisti. Dan wara li ġie rrapportat jgħid li kien qed jikkonsidra li jlaqqa’ l-Kunsill Amministrattiv b’mod urġenti fid-dawl tal-akkużi serji li saru fil-konfront Jean Pierre Debono.
Aquilina appella lill-partitarji Nazzjonalisti biex jieqfu jibgħatulu theddid, offiżi, kliem ħażin eċċ. Qalilhom li kien kollu għalxejn u qed jaħlu l-ħin tagħhom.
Din kienet it-tieni darba f’ġimagħtejn li Aquilina kien kostrett jitlob lill-partitarji Nazzjonalisti jwaqqfu t-theddid tagħhom fil-konfront tiegħu. Dan wara li f’botta ċara għal Delia huwa qal li l-agħar ħaġa li tista’ tiġrielu partit hija li jinħakem mill-mażunerija.