Is-sitwazzjoni fil-Libja u l-immigrazzjoni ddominaw laqgħa li saret bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda Antonio Guterres.
L-għada li ndirizza l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, il-Prim Ministru Malti kellu diskussjonijiet fit-tul ma’ Guterres u spjega li l-priorità assoluta għal Gvern Malti hi li l-Libja hu pajjiż viċin Malta u jolqot direttament lil gżiritna.
Joseph Muscat irrijaferma l-appoġġ li lesta tagħti Malta biex il-komunità internazzjonali tgħin lil-Libja biex tabilħaqq tqum fuq saqajha.
Spjega li Malta hi lesta tibqa’ toffri l-għajnuna tagħha bħala wieħed mill-iktar pajjiżi Ewropej li jista’ jifhem lil-Libjani.
Min-naħa tiegħu, Antonio Guterres tenna l-impenn tal-Ġnus Magħquda biex b’determinazzjoni sħiħa tindirizza l-kunflitti li hemm fil-Libja.
Sadanittant l-immigrazzjoni wkoll qanqlet ħafna diskussjonijiet bejn il-Gvern Malti u l-Ġnus Magħquda.
Il-Prim Ministru semma li qed tkun osservata żieda drastika fl-immigranti ekonomiċi, iktar milli fir-refuġjati.
Dan il-fenomenu jagħmel l-isfida tal-migrazzjoni iktar kruċjali, saħaq Muscat, bis-Segretarju tal-Ġnus Magħquda sostna li l-organizazzjoni internazzjonali li jmexxi qed timbotta ’l quddiem il-patt dwar il-migrazzjoni li jkun jinkludi fih il-komponenti kollha ta’ din l-isfida.
Sadanittant fil-laqgħa ż-żewġ naħat tkellmu wkoll dwar il-governanza tal-ibħra, bil-Prim Ministru Malti jsemmi l-konferenza dwar il-Governanza tal-Ibħra li se tkun organizzata f’Malta fil-ġimgħat li ġejjin.
F’dan il-kuntest huwa qal li se jkunu indirizzati temi differenti fosthom it-tniġġis fil-baħar.