Studju ġdid wera li l-moħħ tal-ispeċi Neanderthal kien jiżviluppa aktar bil-mod minn dak tal-ispeċi li oriġinajna minnha aħna l-umani moderni.
Disgħa u erbgħin elf sena ilu ġewwa dik li llum nafuha bħala Spanja, tifel Neanderthal miet ftit tax-xhur qabel għalaq it-tmien snin. Fix-xhur li għaddew xjentisti eżaminaw l-iskeletru li nstab fl-għerien magħrufa bħala El-sidron fid-dettall u ħarġu bit-twemmin li r-rata tat-tkabbir tat-tifel tixbah ħafna dik ta’ tifel uman tal-preżent.
Din is-sejba għalhekk tbiddel dak li s’issa kien emmnut.
Sa issa kien maħsub li konna l-unika speċi li l-imħuħ tagħhom jiżviluppaw relattivament bil-mod. B’differenza ma’ xadini oħra u bnedmin aktar primittivi, l-Homo sapiens għandu perjodu estiż ta’ tfulija li jdum għal diversi snin.
Iżda skont r-riżultat ta’ dan l-istudju nstab li jekk xejn, l-imħuħ tan-Neanderthal setgħu żviluppaw aktar bil-mod minn tagħna, li jqajjem il-possibbiltà intriganti li l-imħuħ ta’ din l-ispeċi estinta setgħu kienu aktar avvanzat minn tagħna.