Dalgħodu, 300 ċiklist ħadu sehem fil-Ġirja Nazzjonali bir-Roti, mill-Furjana għall-Mosta u lura. Il-ġirja, li issa waslet fir-raba’ edizzjoni, qed issir iktar popolari fost id-dilettanti u fil-fatt din is-sena pparteċipaw mal-mitt ċiklist iktar mis-sena l-oħra. Il-ġirja bdiet minn quddiem il-Ministeru tat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali fil-Furjana u ħadet lill-parteċipanti l-Ħamrun, Santa Venera, Ħ’ Attard, il-Mosta, Birkirkara u l-Imsida.
Wara l-ġirja, s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-ministeru, s-sur Christopher Cutajar tkellem fuq numru t’ inizzjattivi li qed jippromwovu l-użu tar-rota bħala mezz alternattiv tat-trasport. Semma kif qed inressqu applikazzjonijiet għal fondi Ewropej biex nibnu korsiji għar-roti fit-toroq tagħna u kif qed titħejja l-Politika Nazzjonali għaċ-Ċikliżmu. Is-Sur Cutajar mbagħad preżenta numru ta’ premijiet fosthom roti elettriċi.
Il-ġirja fl-okkażżjoni tal-Jum Nazzjonali mingħajr Karozzi 2017 kienet waħda mill-attivitatjiet tal-Ġimgħa Ewropea Tal-Mobbilta’. It-tema ta’ din is-sena hija “Sharing gets you Further” bil-kunċett li meta n-nies jivvjaġġaw flimkien u jużaw modi tat-trasport differenti, jnaqqsu t-traffiku u jżidu l-effiċjenza tat-toroq.
Il-Malta National Electromobility Platform, fi ħdan Transport Malta, organizza din il-ġirja bl-għajnuna tal-Pulizija, l-uffiċjali tal-infurzar ta’ Transport Malta u St. John’s Ambulance.