Rappreżentanza b’saħħitha tan-nisa fil-parlament għandu jkun il-pass li jmiss ta’ stat indipendenti li għandu jassigura li l-poplu tiegħu kollu huwa rappreżentat b’mod xieraq fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Qalu dan l-Għaqda Nisa Laburista permezz ta’ stqarrija fejn spjegaw kif mill-1947 sal-lum ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament qatt ma’ qabżet l-għaxra fil-mija u saħansitra l-persentaġġ tal-aħħar tliet elezzjonijiet ġenerali kien inqas minn dak tal-ewwel elezzjoni tal-millenju l-ġdid.
Spjegaw li ftit iċċaqlaqna minn sebgħin sena ilu, meta l-mara vvotat għall-ewwel darba.
Tmienja kien l-ikbar numru ta’ nisa eletti mal-ewwel għadd fis-sebgħin sena li l-mara ilha tieħu sehem fl-elezzjonijiet.
Saħansitra riċerki tal-Kummissjoni Ewropea u l-OSCE poġġew lill-mara isfel nett tal-listi dwar ir-rappreżentaza femminili. Iż-żewġ istituzzjonijiet jitkellmu fuq il-ħtieġa ta’ miżuri li jassiguraw is-sehem il-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza tan-nisa f’kull livell.
Quddiem din ir-realtà Nisa Laburisti qed iħeġġu lill-gvern biex jissokta bil-pjan tiegħu li jindirizza din il-problema. Innotaw b’sodisfazzjoni id-diskors tal-Prim Ministru l-Ħadd li għadda f’Ħaż-Żebbuġ il-mistoqsija għandha tkun il-kif mhux il-jekk.
F’dan il-kuntest Nisa Laburisti nnotaw ukoll il-mod kif il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, tkellem fl-aħħar jiem dwar is-sehem tan-nisa fil-politika. Diskorsu juri li ma fehemx u ma jirrispettax il-mandat għall-bidla li ta l-poplu fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Meta wera li hu jemmen li m’hemmx bżonn l-inizjattivi tal-Partit Laburista u l-Gvern biex jiżdiedu iktar nisa fil-politika injora r-realtà li ħafna ilhom jitkellmu dwarha.
Temmew jgħidu li l-inizjattivi tal-Partit Laburista u l-Gvern f’dan il-qasam mhumiex konvenjenza politika kif sejħilhom Adrian Delia iżda huma bżonn li qabel miegħu l-poplu meta f’Ġunju li għadda reġa’ għażel il-moviment tal-bidla. Bidla li se ssir mill-uniku moviment politiku magħqud f’pajjiżna.