Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi żar is-sit fejn qed jinbena l-proġett li involuta fih il-kumpanija Enemalta plc, f’Mozura, il-Montenegro, sabiex jiġu żviluppati 23 turbina tar-riħ b’kapaċità totali ta’ 46 megawatt ta’ enerġija elettrika nadifa.
Fi żjara bejn il-Ministru Mizzi, il-Ministru tal-Ekonomija tal-Montenegro u l-konsulent tal-enerġija tal-Prim Ministru tal-Montenegro, ġie diskuss l-andament tal-proġett, hekk kif fiż-żmien li ġej il-kumpaniji involuti f’dan il-proġett, fosthom l-Enemalta, se jintensifikaw ix-xogħol biex il-proġett jitlesta. Iż-żewġ ministri ddiskutew ukoll opportunitajiet ta’ aktar kooperazzjoni fis-settur tal-enerġija bejn Malta u l-Montenegro.
Il-proġett ta’ wind farm f’Mozura – l-ewwel proġett internazzjonali li involuta fih Enemalta plc – jinkludi l-bini ta’ 23 turbina ta’ 2megawatt-il waħda, li mistennija jiġġeneraw total ta’ aktar minn 100 gigawatt-hour fis-sena.
Qed isir ukoll xogħol ta’ installazzjoni ta’ apparat tad-distribuzzjoni tal-elettriku li permezz tiegħu dan l-elettriku se jitwassal fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku tal-Montenegro.