L-oġġetti sagri misruqa mill-Kolleġġjata tal-Immakulata Kunċizzjoni f’Bormla nstabu wara qrara mal-Arċipriet Dun Anton Cassar.
Dan intqal fl-awla tal-Qorti hekk kif kompla jinstema’ l-każ li fih qed jiġu mixlija żewġt irġiel. Dakinhar il-Pulizija qalet li l-oġġetti nstabu wara rejd li għamlet, iżda kien fil-Qorti, waqt ix-xhieda tal-Arċipriet ta’ Bormla, li ġie żvelat kif l-informazzjoni kienet ġejja mill-Arċipriet wara li persuna marret tqerr għandu u qaltlu l-post fejn setgħu jinstabu l-oġġetti sagri.
Fil-fatt id-dehbijia kollha nstabu skont l-informazzjoni li ngħatat waqt il-qrara, f’residenza f’Bormla, viċin il-mina ta’ Santa Liena, propju f’tank tal-ilma fuq il-bejt tad-dar.
Din l-aħbar wasslet għal kritika qawwija fil-konfront tal-Arċipriet, bil-maġġoranza jgħidu li qassis ma kellux joħroġ din l-informazzjoni għaliex huwa marbut bis-sigriet tal-qrar. Iżda f’kummenti ma’ ONE NEWS, l-Arċipriet saħaq li huwa ma għamel xejn ħażin.