Bastiment tar-Royal Navy tal-Oman, li huwa twil 85 metru se jkun fl-ibħra Maltin għal erbat ijiem, bejn it-22 u 25 ta’ Settembru. Fuq dan il-bastiment se jkunu qed isiru numru ta’ avvenimenti u huwa mistenni li jkun miftuħ għall-pubbliku.
Il-bastiment Shabab Oman II huwa twil 85 metru u se jkun qed jinġieb Malta mill-Awtorità għat-Turiżmu flimkien ma’ Yachting Malta, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għat-Turiżmu, l-Ministeru għall-Finanzi, Transport Malta, Valletta 2018 u Yachting in Malta.
Il-bastiment se jkun qed jintlaqa’ f’pajjiżna mill-batterija tas-salut mad-daħla tiegħu fil-Port il-Kbir, b’total ta’ 58 baħħar abbord Bil-pubbliku jista’ japprezza s-sbuħija ta’ dan il-bastiment u jkollu ċ-ċans jieħu ritratti tad-dħul tiegħu.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Yachting Malta, Wilfred Buttigieg, spjega li ż-żjara ta’ dan il-bastiment se tkun qed isservi bħala eżebizzjoni ta’ kultura u tradizzjonijiet.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Paul Bugeja, qal li żjara bħal din isservi biex tesponi s-sbuħija tal-Portijiet ta’ pajjiżna u jiġu attratti lejn il-gżejjer Maltin numru ta’ turisti speċifiċi.
Shabab Oman II se jkun miftuħ għall-pubbliku, l-Ħadd 24 ta’ Settembru mill-10.00 sas-19.00 filwaqt li s-Sibt 23 ta’ Settembru se jkun qed joffri spettaklu ta’ talent mużikali bil-kostumi tradizzjonali fil-Belt Valletta bejn l-10.00 u l-17.00. Biex imbagħad il-bastiment jingħata l-aħħar tislima mat-tluq tiegħu fl-10 ta’ filgħodu tal-Ħadd 25 ta’ Settembru.